Diskors Mill-Onor Lawrence Gonzi, Prim Ministru, Fl-Okkazjoni Tad-Disa’ Anniversarju Mit-Twaqqif Tal-Fondazzjoni Ghall-Gurnalizmu Tumas Fenech, Fil-Lukanda Hilton, San Giljan – Il-Gimgha, 6 ta’ Frar 2009

Nirringrazzjakom tal-istedina tagħkom biex nindirizza din l-okkażjoni ta’ kommemorazzjoni speċjali fl-egħluq l-għaxar anniversarju mill-mewt tal-imprenditur Malti Tumas Fenech.

Naħseb li huwa xieraq li nibda billi nsellem lil dan l-imprenditur li ħalla impatt qawwi fuq l-ekonomija tagħna, fuq is-sens imprenditorjali ta’ pajjiżna, fuq il-potenzjal li pajjiżna għandu biex jiżviluppa, fuq il-kapaċità tal-ħaddiem Malti u kif din tiżboq kull limitu meta tintiseġ flimkien mas-sens ta’ avventura tal-investitur, mal-fiduċja li lkoll kemm aħna jrid ikollna f’dan il-pajjiż anke quddiem sfidi li m’humiex żgħar.

Iżda rrid nammetti magħkom illi hemm aspett wieħed partikulari marbut ma’ din l-attività tal-lum li lili jaffaxxinani iżjed minn aspetti oħra. Din hi attività li qiegħda tispira ruħha minn dan l-imprenditur Malti – persunaġġ li bl-Ingliż jgħidulu a self made man – biex tittratta l-ġurnaliżmu f’pajjiżna. Anzi hi iżjed minn hekk, għaliex l-isem ta’ dan l-imprenditur hu marbut ma’ fondazzjoni li twaqqfet apposta biex tgħin u tħarreġ ġurnalisti – ġodda u m’humiex – biex jilħqu standards ta’ professjonalità internazzjonali.
Il-mistoqsija allura bilfors trid issir: x’inhi r-rabta bejn Tumas Fenech u l-istandards professjonali għall-ġurnalisti tagħna? Forsi nista’ nażżarda tweġiba fis-sens li hi rabta maħsuba biex verament infittxu dak li hu ta’ valur veru u mhux ta’ spekulazzjoni bla rażan u bla sens; li ninvestu fis-sabiħ, fit-tajjeb, fis-sod u mhux f’dak li hu dubjuż, malizzjuż, falz.

Forsi hi sfida biex nemmnu f’dak li hu tajjeb, dak li hu sewwa, dak li hu sabiħ.
Huwa proprju b’dawn il-ħsibijiet li xtaqt nuża dan il-ħin li għandna flimkien il-lejla biex naqsam magħkom ideat u sentimenti dwar kif nara l-ġurnaliżmu jiżviluppa u dwar il-kontribuzzjoni li naħseb għamilna lejn il-ġurnaliżmu f’pajjiżna.
Jien inħares lejn il-ġurnaliżmu u l-politika bħala żewġ modi differenti kif jingħata servizz lis-soċjetà. It-tnejn huma importanti ħafna f’kull demokrazija. Bejniethom hemm ukoll xebh. It-tnejn, per eżempju, jeżerċitaw forma jew oħra ta’ poter.
Fl-1839 Edward Bulwer-Lytton kien ħoloq il-frażi li “l-pinna hija aktar b’saħħitha mix-xabla”. Fit-tieni att tad-dramm tiegħu Richelieu jġib lill-Kardinal Politiku jgħid din il-frażi li minn dak iż-żmien bdiet tintuża għas-saħħa tal-ġurnaliżmu.
Qabel u wara Bulwer-Lytton, ħafna kienu dawk li qalu kliem simili biex jiddeskrivu l-poter tal-ġurnalist. Fost l-oħrajn, Napuljun Bonaparte kien qal: “Aktar għandek tibża’ minn erba’ gazzetti kontrik milli minn elf bajjunetta.”

L-ewwel punt li nixtieq nargumenta huwa li l-poter bla servizz huwa poter krudil.


Il-poter huwa mezz mill-aktar utli meta jintuża għas-servizz tal-oħrajn. Mill-banda l-oħra, meta l-poter isir għan fih innifsu, allura x’aktarx li jsir krudil.
Insemmi żewġ tendenzi tal-ġurnaliżmu ta’ żmienna li jistgħu jwasslu biex il-poter tal-ġurnaliżmu jġib is-sogru li ma jibqax għas-servizz għan-nies. Din hi diskussjoni li għaddejja wkoll f’pajjiżi barranin.
Teżisti t-tendenza, per eżempju, li jkun hemm min jipprova jagħmel lilu nnifsu ċ-ċentru tal-attenzjoni. F’din il-perspettiva dawn isiru aktar importanti mill-ġrajja li jirrappurtaw; anzi huma donnhom isiru l-ġrajja li għandha tiġi rrappurtata.
Il-lum, fil-fatt, isiru ħafna diskussjonijiet mhux biss dwar l-issues iżda dwar kif il-media u l-ġurnalisti jirrappurtaw l-issues. Konvint li intom tagħrfu li dan jitfa’ responsabbiltà akbar fuqkom. Il-ġurnalisti għandhom iqisu lilhom infushom il-qaddejja tad-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni. Għalhekk l-aħbar għandha tibqa’ fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
It-tieni tendenza hija r-rappurtaġġ sensazzjonali tal-aħbar. Din it-tendenza tieħu forom differenti. Per eżempju, minflok jissodisfaw id-dritt tan-nies għall-informazzjoni, jaħdmu biex jisfruttaw l-istint tal-kurżità li nħossu lkoll kemm aħna. F’dan ix-xenarju, il-ġurnalisti, minnflok jirrappurtaw u jikkummentaw fuq il-ġrajjiet li l-aktar jolqtuna, jirrappurtaw l-għidut u l-pettegolezzi, jinvadu l-privatezza tan-nies u jkissru lin-nies. Din it-tendenza tagħti prominenza lill-aħbar ħażina u negattiva fuq l-aħbar pożittiva. Ħafna diġà kkummentaw dwar kif ir-rappurtaġġ sensazzjonali tal-kriżi finanzjarja internazzjonali qed jiggrava lill-istess kriżi. Dan x’aktarx li jsir minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tal-media. Aktar serja minn hekk hija meta l-aħbar sensazzjonali iżżeffen ħajjet in-nies, mhux l-ewwel darba b’ebda rispett lejn il-verità.
Nemmen li l-ħidma ġurnalistika m’għandiex titkejjel minn kemm tkun sensazzjonali l-aħbar. Nemmen iżjed u iżjed, li l-professjonalità tal-ġurnalist ma tistax titkejjel biss fuq kemm hu (jew il-media tiegħu) tkun popolari man-nies iżda għandha titkejjel fuq kemm hi veritiera, kemm hi qiegħda żżomm lill-pubbliku infurmat b’mod oġġettiv dwar il-fatti li jkunu qiegħdin iseħħu .
Naturalment, ma niddejjaqx napplika l-istess kejl – anzi forsi b’mod aktar rigoruż – lilna l-politiċi. Meta f’okkażjonijiet oħra, jiena wżajt il-frażi “iġġudikawni mhux biss b’dak li ngħid imma wkoll b’dak li nagħmel” ridt tassew inpoġġi kejl għalija nnifsi iżjed milli għal ħaddiehor. Kejl li jgħodd ukoll b’mod interessanti għall-ġurnalist għaliex huwa dak li jikteb u jirrapporta l-ġurnalist li jiġi ġudikat meta jkun ikkonfrontat mal-fatti, mal-verità, mal-oġġettività.

Dan iwassalni għat-tieni punt li nixtieq niżviluppa: l-isfida kbira tal-etika fil-ġurnaliżmu.


Quddiem dawn u perikli oħrajn tridu tkunu intom il-ġurnalisti infuskom li tħarsu l-professjoni tagħkom u tgħollulha l-livell, l-istess bħal ma rridu nkunu aħna l-politiċi li nħarsu l-integrità tagħna u nsarrfu l-politika fi strument li joħloq il-ġid komuni.
Kemm huwa possibbli li l-etika fil-ġurnaliżmu tħarsuha intom stess f’pajjiżna fejn l-esprit de corps bejn il-ġurnalisti ma tantx huwa qawwi? Hemm ġurnalisti li huma membri fil-Malta Institute of Journalists. Hemm ġurnalisti li huma membri fil-Kumitat tal-Ġurnalisti. U hemm ġurnalisti li ma huma membri fl-ebda assoċjazzjoni. Nistaqsi: hawn xi ħadd jaħseb li din il-frammentazzjoni tgħin b’xi mod biex jinbena ethos aktar professjonali fost il-ġurnalisti Maltin?
Kemm teżisti l-kultura ta’ awto regolamentazzjoni fost il-ġurnalisti Maltin?
The Malta Institute of Journalists għamel pass kbir ’il quddiem meta fassal kodiċi ta’ etika u waqqaf kummissjoni li tħares l-istess kodiċi. Kull ċittadin u kull ġurnalist jista’ jmur quddiem din il-kummissjoni meta jaħseb li l-Kodiċi tkun inkisret. Iżda kemm huwa rikonoxxut dan kollu fil-prattika kemm mill-ġurnalisti kif ukoll mill-pubbliku?
It-tisħiħ tal-etika ġurnalistika hija fl-opinjoni tiegħi waħda mill-akbar sfidi li għandu quddiemu l-ġurnaliżmu Malti.

X’inhi r-rwol tal-politiċi biex il-ġurnaliżmu jaqdi dejjem aktar il-kontribut tiegħu lejn id-Demokrazija f’pajjiżna?
Ippermettuli nirrifletti ftit dwar kif nara r-rwol tal-politiċi f’din id-diskussjoni. Nemmen li l-politiċi jkunu qed juru rispett lejn il-ġurnalisti u jgħarfu tassew ir-rwol importanti tal-ġurnaliżmu fis-soċjetà Maltija meta jgħinu ħalli jinbena ambjent u spazju fejn ikun aktar faċli li l-ġurnaliżmu professjonali u etiku jkun jista’ jiġi pprattikat.
Diversi gvernijiet differenti immexxija mill-partit li ġej minnu jien wettqu dan ir-rwol. Insemmi erba’ inizjattivi importanti:

1. Dritt għall-ħarsien tal-kunfidenzjalità

Permezz ta’ emendi importanti li saru lill-Ligi tal-Istampa, il-ġurnalisti, għall-ewwel darba, ingħataw id-dritt legali li ma jikxfux is-sorsi tagħhom. F’ċertu sens il-ġurnalist ikun tajjeb daqs is-sorsi li jkollu u li mhux dejjem ikunu jistgħu jiġu identifikati. Għalhekk l-għarfien tad-dritt li ġurnalist ma jikxifx is-sorsi tiegħu kien kisba kbira għall-ġurnalisti Maltin.
Dan kien att ta’ fiduċja mill-aktar qawwi fil-ġurnaliżmu professjonali għaliex din id-deċiżjoni tassumi li l-ġurnalist ser ikun leali lejn is-sors tiegħu jew tagħha; daqs kemm ikun leali lejn il-verità tal-fatti. Hawnhekk iżda ma nistax ma ngħidx li waqt li nkun qed naqra xi gazzetti, xi drabi r-riferenza għal ċerti sorsi anonimi tinħass bħala artifiċjali.
Dan id-dritt iġib miegħu r-responsabbiltà li l-ġurnalisti jgħarblu sew x’tista’ tkun l-aġenda tas-sorsi tagħhom, l-aktar fejn jidħlu interessi ekonomiċi privati.
Il-ġurnalisti ngħataw ukoll dak l-hekk imsejjaħ privileġġ kwalifikat, jiġifieri meta jxandru affarijiet li jingħadu minn persuna pubblika tkun il-persuna pubblika u mhux il-ġurnalist li, jekk tinqala’ l-ħtieġa, jkollu jwieġeb quddiem il-Qorti. Id-dritt tal-privileġġ kwalifikat neħħa ħafna piż żejjed minn fuq il-ġurnalisti u għamlilhom ħajjithom aktar faċli.

2. Id-dritt dwar il-libertà tal-informazzjoni

Żvilupp ieħor importanti huwa l-liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni. Dan l-Att jipprovdi lill-ġurnalist b’ħafna drittijiet u jiffaċilita t-tiftix tal-informazzjoni u r-riċerka meħtieġa biex ikun aktar possibbli li jissawru rapporti investigattivi.
Tradizzjonalment, kemm f’Malta u kemm barra, min jaħdem mal-Gvern kien jassumi li għandu jżomm l-informazzjoni kunfidenzjali sakemm ma jkollux struzzjonijiet espressi biex joħroġha. Naturalment dan kien jirrestrinġi ħafna l-firxa ta’ informazzjoni li kienet aċċessibbli għall-pubbliku.
Organizzazzjonijiet governattivi ma kinux iqisu t-trattament ta’ talbiet għall-informazzjoni bħala parti minn xogħolhom, u ma kienx ċar min suppost kellu jieħu f’idejh dawn it-talbiet u min kellu l-awtorità li joħroġ dokumenti. Fih innifsu dan kien xkiel ieħor għall-libertà tal-informazzjoni.
F’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi dieħel ħsieb oppost: li l-informazzjoni għandha tkun miftuħa sakemm ma jkunx hemm raġuni valida biex ma titħalliex toħroġ. Il-libertà tal-informazzjoni qed titqies dejjem aktar bħala ħaġa essenzjali fid-demokrazija moderna u bħala wieħed mill-mekkaniżmi li bis-saħħa tagħhom il-gvernijiet jagħtu kont ta’ għemilhom lill-popli li huma jiggvernaw f’isimhom. Korpi governattivi f’dawn il-pajjiżi huma attrezzati għall-trasparenza akbar u għandhom proċeduri biex jittrattaw b’ħeffa talbiet għall-informazzjoni.
L-idea li l-pubbliku għandu jkollu d-dritt li jara informazzjoni miżmuma għand il-ministeri, id-dipartimenti u l-awtoritajiet tal-Gvern, suġġett għal ċerti limiti, iddaħħlet f’ħafna pajjiżi u llum hi meqjusa bħala parti mill-makkinarju demokratiku ta’ pajjiż avvanzat. Il-prattika l-antika kienet li l-informazzjoni tinżamm mistura sakemm ma jkunx hemm raġuni li jsir mod ieħor. Il-prinċipju tal-libertà tal-informazzjoni jaqleb din il-prattika ta’ taħt fuq: l-informazzjoni issa tkun suġġetta li tiġi żvelata sakemm ma jkunx hemm raġuni valida skond kriterji stabbiliti mill-liġi għalfejn dan m’għandux isir.
Il-Gvern jara l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni bħala element ewlieni ta’ strateġija usa’ intiża biex twassal għall-amministrazzjoni aħjar f’Malta billi tintroduċi aktar kontabbiltà u trasparenza. Aktar trasparenza tagħti s-saħħa liċ-ċittadini billi tagħtihom mezz biex ikunu aktar informati dwar id-drittijiet tagħhom u biex jinsistu fuq dawk id-drittijiet. It-trasparenza hija wkoll mezz ewlieni biex tiżgura li l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter ma jaqbdux għeruq, u li jinkixfu u jinqerdu fejn ikunu preżenti.
Tajjeb li nirrikonoxxi s-sehem importanti li tajtu intom il-ġurnalisti fit-tfassil ta’ dan l-att.
Issa din il-liġi se ġġib bidla kbira fl-amministrazzjoni pubblika. Se tinbidel kultura. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern diġà qiegħed jaħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi.
Din hi għodda ġdida li l-Gvern qed jagħti lill-pubbliku u lill-ġurnalisti.

3. Il-pluraliżmu tax-xandir

Iżda x’aktarx li l-akbar servizz li tajna lill-ġurnaliżmu f’pajjiżna kien l-introduzzjoni tal-pluraliżmu tax-xandir. B’din l-innovazzjoni rivoluzzjonarja ħloqna diversi postijiet tax-xogħol u ftaħna qasam ġdid fejn il-ġurnalisti jistgħu jimirħu u jiżviluppaw it-talenti u l-personalità tagħhom.
Iż-żieda fl-għadd tal-istazzjonijiet kabbret il-libertà tal-ġurnalisti. Issa jekk ġurnalisti jħossuhom imxekkla f’xi post tax-xogħol huwa ħafna aktar faċli għalihom li jsibu xogħol f’post ieħor. Qed naraw ukoll mobilità qawwija fost il-ġurnalisti, minn gazzetta għall-oħra, minn stazzjon għall-ieħor.
Barra minn hekk issa l-udjenzi għandhom aktar għażla u l-ġurnalisti jridu jistinkaw u jagħtu prodott aħjar biex l-udjenzi jagħżlu l-prodott tagħhom u mhux ta’ ħaddieħor. L-udjenzi issa jistgħu jqabblu verżjonijiet differenti tal-istess ġrajjiet jew jisimgħu dwar ġrajjiet differenti fuq stazzjonijiet differenti skond l-orjentament editorjali ta’ dawk l-istazzjonijiet.
Il-mudell li fuqu huwa mibni l-pluraliżmu tagħna fil-qasam tax-xandir huwa pjuttost uniku fl-Ewropa għax jagħmel lill-partiti politiċi sidien ta’ stazzjonijiet tar-radju u tat-TV. Kien hemm raġuni storika valida ħafna għal dan il-pass. Is-snin Tmenin kienu karatterizzati minn manipulazzjoni politika massiċċa tax-xandir pubbliku. Il-pluraliżmu li ddaħħal fil-bidu tas-snin Disgħin irreaġixxa għal dan kollu u assigura lill-partiti li jkollhom l-għodod meħtieġa biex jiġri x’jiġri jkunu jistgħu jsemmu leħinhom.
Dan ma jfissirx li l-partiti dejjem użaw dawn il-mezzi bl-aħjar mod. Saru l-iżbalji. L-aħbar kemm-il darba tħaltet mal-propaganda u l-fatt kien imfixkel mal-kumment. Kull meta ġara hekk allura l-ġurnalisti fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet jew saru vittmi jew inkella, agħar, inbidlu fi propagandisti u allura ma baqgħux ġurnalisti.
Kien hemm affarijiet pożittivi wkoll. Diversi drabi ġurnalisti tal-media tal-partiti urew kuraġġ, kixfu stejjer u rrappurtaw inċidenti li kieku ma kienx għalihom kienu jibqgħu mistura.
Il-ġurnalist fi ħdan organizzazzjoni tal-media ta’ partit – gazzetta, radju, TV, website – jipprovdi tip ta’ advocacy journalism li hemm post għalih basta jżomm u jirrispetta l-karatteristiċi fundamentali tal-ġurnaliżmu.
Huwa veru li l-ġurnalisti impjegati mal-media tal-partiti għandhom aġenda, iżda din hi limitata biss għal dawk li huma impjegati ma’ media ta’ partit politiku biss?
Naħseb li aġenda dikjarata hija aktar fier mal-pubbliku minn aġenda mhux dikjarata.
Iżda jien minn qaddisi dejjem inkun nixtieq li nkun kritiku aktar u aktar ta’ dak li nagħmlu aħna. Inkun kritiku bl-għan li ntejbu dak li ksibna.
Hu għalhekk li fis-7 ta’ Lulju tas-sena l-oħra ktibt lill-Kap tal-Oppożizzjoni u fost ħwejjeġ oħra issuġġerejtlu li niddiskutu – nikkwota – “regolamentazzjoni aqwa u aktar effettiva tal-istazzjonijiet tal-Partiti Politiċi jew saħansitra reviżjoni tas-sehem tal-Partiti Politiċi fil-media lokali”.
Biex il-qasam tal-media in ġenerali u tal-ġurnaliżmu in partikulari jkompli jissaħħaħ issuġġerejt ukoll li niddiskutu – nerġa’ nikkwota – “riforma fl-Awtorità tax-Xandir biex tispiċċa d-dominanza tal-Partiti Politiċi u jissaħħaħ il-kontribut tal-esperti fix-xandir u s-soċjetà ċivili”.
Nappella lilkom il-ġurnalisti biex toħolqu diskussjoni dwar dawn il-proposti u tippreżentaw ideat dwarhom.

4. Ippopolarizzajna l-ispazju ċibernetiku

Ma konniex kuntenti biss li ftaħna l-ispazju tax-xandir pluralizzat. Ħdimna qatiegħ biex nippopolarizzaw is-cyberspace. Isimgħu ftit dawn iċ-ċifri. Fl-1998 l-għadd ta’ sottoskrizzjonijiet għall-Internet kien ftit taħt it-23 elf. Is-sena li għaddiet dan l-għadd tela’ għall-108,000 u minnhom 79,000 kienu fuq is-sistema broadband. F’għaxar snin immoltiplikajna l-għadd ta’ sottoskrizzjoni¬jiet b’ħames darbiet.
Ma hemmx għaliex hawnhekk insemmi l-għadd ta’ inizjattivi li kontinwament ħa l-Gvern biex joktor l-għadd ta’ dawk li jkollhom kompjuter u aktar nies ikollhom aċċess għall-Internet. Huwa fatt magħruf li l-Gvern iddikjara gwerra kontra l-qasma diġitali u r-riżultati pożittivi ta’ dan jista’ jarahom kulħadd. Hawn se nsemmi biss xi punti li juri kif il-ġurnaliżmu f’pajjiżna iggwadanja meta ippopolarizzajna l-użu tas-cyberspace.
Għal darb’oħra erġajna ħloqna spazju għall-impjiegi u għall-kreattività ġurnalistika. Illum kważi kull gazzetta jew stazzjon għandhom sit elettroniku ġurnalistiku. Hemm ukoll siti ġurnalistiċi li ma għandhomx rabta mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnaliżmu stampat jew imxandar.
Dan l-ispazju l-ġdid jeħtieġ ħiliet ġurnalistiċi ġodda għax għandu lingwaġġ differenti mill-lingwaġġ tal-ġurnaliżmu stampat jew imxandar. Aħna ħdimna biex niffaċilitaw l-użu ta’ dan l-ispazju. Issa xogħolkom biex tisfruttaw l-opportunitajiet tiegħu.
L-udjenzi tagħna jgawdu għax issa għandhom għejjun ġodda ta’ informazzjoni u mod ġdid ta’ espressjoni. Biex jirreaġixxi għal xi ġrajja jew aħbar ma jridux jistennew li jiktbu ittra, jimpustawha u jidħlu fi kju ta’ ittri fuq skrivanija ta’ editur. Issa jaqbdu u jibagħtu l-kummenti tagħhom dak il-ħin stess u f’kemm ilni ngħidlek jidħlu f’diskussjoni ma’ oħrajn.
Dan l-ispazju qed joħloq tip ġdid ta’ ġurnalist: il-blogger. Illum tista’ tiftaħ il-blog tiegħek u tibda xxandar fehemtek jew twassal l-aħbarijiet dwar ġrajjiet differenti u potenzjalment tilħaq id-dinja kollha. Il-bloggers huma l-forma elettronika taċ-ċittadini ġurnalisti, li fil-qawsalla ġurnalistika jipprovdu lewn differenti minn dak tagħkom il-ġurnalisti professjonali. Dan l-istat ta’ fatt jipprovdilkom sfidi u opportunitajiet.

Dawn l-iżviluppi ma sarux b’kumbinazzjoni imma għax emminna li l-ġurnaliżmu u l-libertà tal-espressjoni huma pedament essenzjali għal Malta moderna.

Illum għandna opportunitajiet u sfidi ġodda.

It-teknoloġija elettronika qed tpoġġi opportunitajiet ġodda għall-ġurnaliżmu. Qegħdin fuq l-għatba ta’ fruntiera ġdida. Intom il-ġurnalisti tridu taħtfu l-opportunitajiet ġodda li hemm quddiemkom. Tridu tkunu kreattivi. Iżda tridu tagħrfu li l-ġurnaliżmu l-ewwel u qabel kollox mhux eżerċizzju ta’ tħaddim ta’ poter għall-benefiċċju tal-poter jew eżerċizzju kummerċjali iżda huwa ezerċizzju għas-servizz tal-bniedem. Għax mingħajr ġurnaliżmu veru l-bniedem ma jistax ikun mgħarraf sew biex jaqdi r-rwoli differenti li għandu fis-soċjetà.
Il-ġurnaliżmu u l-politika huma żewg modi ta’ servizz lill-bniedem u lis-soċjetà – f’dan insibu konverġenza biex naħdmu għas-servizz tan-nies.